Sea Eye jsalvaw 90 persuna minkejja li sparaw fuqhom

Twitter / Sea Eye

Il-bastiment umanitarju Alan Kurdi rnexxielu jsalva 90 persuna, fosthom mara tqila li x’aktarx tilfet it-tarbija tagħha kawża tal-istress li għaddiet minnu. Dan wara li l-militar Libjan attakka d-dgħajsa b’armi tan-nar.

Il-Libjani li kienu abbord dgħajjes armati waslu fuq il-post ftit wara li l-ewwel grupp ta’ immigranti ġie evakwat minn fuq id-dinghy li kienu fuqu l-immigranti.

L-ekwipaġġ tal-bastiment Alan Kurdi kienu diġà qed iqassmu l-ġkieket tas-salvataġġ u evakwaw lil uħud minnhom, meta dgħajjes Libjani resqu lejn il-bastiment. Il-Libjani ppużizzjonaw rwieħhom bejn il-bastiment Alan Kurdi u d-dgħajjsa tal-immigranti biex iwaqqfu l-bastiment milli jkompli bil-ħidma.

Il-militar Libjan hedded lill-kaptan minn fuq ir-radju u mmiraw l-armi lejn il-bastiment. L-ekwipaġġ intbgħat fuq wara tal-bastiment biex inaqqsu l-periklu.  Il-Libjani sparaw fl-arja u fil-baħar u xi wħud sparaw fuq l-immigranti li kienu fil-baħar.

B’xi mod l-ekwipaġġ ta’ Sea Eye rnexxielhom isalvaw lid-90 persuna. Il-Libjani telqu minn fuq il-post wara li kkonfiskaw id-dgħajsa.

Il-bastiment salpa lejn Lampedusa.