Se xxoqqilna l-għadam!

Bassara independenti tat-temp qed jgħidu li min-nhar il-Ħadd li ġej, it-temperatura mistennija tonqos b’mod sinifikanti.

Malta Weather qalet fuq Facebook li t-temperatura f’Malta u Għawdex mistennija tinħass kiesħa daqs 2 gradi Celsius. Intant ir-riħ mistenni jibqa’ jippersisti f’Jum il-Milied, bir-riħ qawwi jkompli jippersisti sa għada filgħaxija.

Intant, l-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, qal li fi żmien il-Milied il-Maltin u t-turisti se jkunu jistgħu jgawdu minn temp moderat. Lejliet il-Milied mistenni jkun karatterizzat minn riħ qawwi ta’ Forza sitta mill-Majjistral. Ir-riħ mistenni jbatti għal Forza 5 sa jum il-Milied u jdur mill-Grigal biex isir ħafif sas-26 ta’ Diċembri.

L-uffiċċju spjega li l-persuni li jfittxu x-xemx se jaraw li x-xemx xitwija se tkun fl-aqwa tagħha kemm f’lejliet il-Milied kif ukoll l-għada tal-Milied, u li mhix mistennija xita. Fil-Milied imbagħad, it-temp mistenni jkun imsaħħab, iżda s-sema mistennija tiċċara sa tmiem il-ġurnata.

Matul il-jiem li ġejjin, it-temperatura tal-arja mistennija tilħaq it-18-il grad fil-Milied u tinżel sa 12-il grad Celsius sa tmiem il-ġurnata. Lejliet il-Milied u l-għada tal-Milied, it-temperaturi mistennija jkunu simili.