Se togħla l-posta dalwaqt?

Il-kumpanija Maltapost qalet li qed tinnegozja tariffi ġodda tal-posta għax dawn huma importanti għat-tkabbir tal-kumpanija. Semmiet kif il-posta f’Malta hija l-orħos mill-pajjiżi kollha tal-UE u dawn wassluha biex tnaqqas mill-profitabiltà tagħha.

Fi stqarrija, Maltapost qalet li din is-sena għamlet profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ €2.6 miljun sa Settembru li għadda, u li dan niżel minn madwar €3 miljun fis-sena ta’ qabel.

Fl-istess ħin semmiet kif il-posta internazzjonali u l-pakketti tal-posta wassluha biex iżżid id-dħul tagħha. Madankollu spjegat li dan id-dħul ma kienx biżżejjed, għax l-ispejjeż tagħha xorta żdiedu b’aktar minn €2 miljuni.

Maltapost semmiet kif it-tariffi tal-posta f’Malta baqgħu l-istess għal diversi snin, minkejja li dan huwa xogħol li għandu element manwali, u li l-ispejjeż tiegħu jiżdiedu minn sena għall-oħra.

Il-posta f’Malta hija regolata mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni l-MCA.