Se tmur Għawdex bil-kelb għal Santa Marija?

Jekk se tmur Għawdex mal-annimal domestiku tiegħek, għat-tieni sena konsekuttiva fi żmien Santa Marija se tingħata biljett għall-pet li jfisser li se jingħata ilma b’xejn.

L-inizjattiva se tkun qed isseħħ bejn it-Tnejn 13 u l-Ħadd 19 ta’ Awwissu u se jiġi pprovdut ilma adegwat għall-annimali domestiċi fit-terminals kemm taċ-Ċirkewwa, kif ukoll tal-Imġarr.

Fi stqarrija mill-Ministeru għal Għawdex intqal kif dan qed isir biex dawn l-annimali jkunu jistgħu jixorbu u jtaffu ftit mis-sħana qalila tas-sajf.

Is-sidien tal-annimali domestiċi jridu jippreżentaw il-biljett tagħhom lill-uffiċjali tal-Gozo Channel. Apparti l-biljett, se jitqassmu wkoll fuljetti b’informazzjoni dwar is-suġġett.

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-Animal Welfare għad-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom.

Heidi Grech mill-Animal Welfare f’Għawdex qalet li fis-sajf aktar annimali jiġu abbandunati u għalhekk xtaqu jagħmlu kampanja ta’ għarfien u jipprovdu ilma b’xejn lill-annimali domestiċi li jaqsmu l-fliegu ma’ sidhom.