“Se tkun sena li fiha niġbru l-frott li żrajna” – PM

Fis-sena 2016, il-Gvern mhux se jbaxxi r-ritmu iżda se jibda jaqta’ l-frott taż-żerriegħa li żera fl-ewwel sentejn.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-messaġġ tiegħu għall-Ewwel tas-Sena.
Huwa ta’ ħarsa lejn is-sena li ġejja. Beda billi qal li din is-sena se tkun waħda li fiha Malta se tagħmel qabża kbira fil-kwalità tal-arja billi se titlesta l-powerstation il-ġdida  wara li għalqet għal kollox dik tal-Marsa u beda jaħdem l-interconnector.
Il-Prim Ministru fakkar kif matul din is-sena se jitwettqu proġetti ġodda bħall-maritime hub u se jibda x-xogħol fuq l-isptar ta’ Għawdex, St Luke’s u l-Università Amerikana.
Dr Muscat żied li l-2016 se tara jidħlu fis-seħħ liġijiet li se jaraw l-ambjent ikollu awtorità li tħarsu, filwaqt li jidħlu fis-seħħ riformi fl-oqsma tal-ipproċessar tal-viżas u r-residenzi.
“L-2016 se tkun sena kruċjali għal kumpanija nazzjonali ta’ importanza strateġika għal pajjiżna,” kompla l-Prim Ministru. “B’investiment strateġiku, beħsiebna naraw li l-Air Malta terġa’ ttajjar bi kburija l-bandiera Maltija mal-erbat irjieħat tad-dinja.”
Il-Prim Ministru  ta’ ħarsa wkoli lejn l-2015, li fi kliemu, kienet sena li fiha l-pajjiż qabad id-direzzjoni t-tajba. Spjega li fis-sena li għaddiet, l-ekonomija qabdet ritmu tajjeb u għalhekk il-pajjiż seta’ joħloq aktar postijiet tax-xogħol.
Hawn sellem lill-ħaddiema ta’ De La Rue, il-kumpanija li ħabbret li se tnaqqas in-nies li jaħdmu magħha, u saħaq li l-Gvern se jipproteġihom għax fi kliemu, għal kull impjieg li jintilef, il-Gvern qed joħloq impjiegi mal-privat.
L-2015 rat rekord għat-turiżmu, u anke riżultati pożittivi fis-saħħa qal Dr Muscat. Fakkar fost l-oħrajn, it-tnaqqis fil-lista tal-istennija fl-Emerġenza u għal numru ta’ operazzjonijiet filwaqt li naqsu wkoll il-mediċini out-of-stock.
Il-Prim Ministru kompla li fis-sena li għaddiet, il-Gvern naqqas l-income tax, il-kontijiet tan-negozju u l-prezz tal-fuels filwaqt li wara 20 sena, il-pensjonanti raw żieda fil-pensjoni.
Tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni u qal li Malta mhux biss rat l-inqas ammont ta’ immigranti deħlin fl-aħħar snin, iżda wkoll kienet ċentrali biex jinstabu soluzzjonijiet għal din il-problema. Fakkar fil-Valletta Summit u anke l-laqgħa tac-CHOGM.
Fl-aħħarnett il-Prim Ministru wassal l-awgurju tiegħu lil kulħadd.
“L-għaqda tagħna bħala Maltin u Għawdxin, il-pożittività li ngħixu fiha, ir-rieda li nagħmlu iktar u aħjar, jiddistingwuna minn dawk il-ftit fostna li jiddejqu jaraw pajjiżna miexi ‘l quddiem, u minn popli oħra,” temm jgħid il-Prim Ministru.