Se tkun restawrata l-Kappella tal-Karmnu fil-Fawwara

Read in English.

Ir-restawr tal-Kappella tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fawwara, limiti tas-Siġġiewi, se tiġi restawrata fi proġett li se jkun immexxi mill-Konfraternità tal-Madonna tal-Karità bl-għajnuna tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Il-kappella ġiet mibnija fis-seklu 17 bis-saħħa tal-benefattriċi Donna Gerolama Ciantar, li kienet sid ta’ art fiż-żona magħrufa bħala Ġebel Ciantar.

Fi żmien ta’ nixfa, Ciantar kienet wegħdet li tibni kappella ddedikata lil-Madonna jekk nixxiegħa fiż-żona magħrufa bħala Tal-Aħrieq jerġa’ jkollha l-ilma. L-ilma ġie lura bil-kbir, li wassal biex l-area tingħata l-isem Fawwara, u Ciantar żammet il-wegħda tagħha.

Il-kappella issa hija proprjetà tal-Veneranda Konfraternità tal-Beata Verġni Marija tal-Karità, li ġiet imwaqqfa fil-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta.

Però bħalissa tinstab fi stat imwiegħer, u hemm riskju ta’ kollass.

Għalhekk il-Konfraternità applikat għar-restawr tal-kappella u tal-kmamar annessi, proġett li ġie approvat unanimament mill-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar (PA).

Ir-restawr se jirrekjedi li jinħattu l-kmamar annessi biex jissaħħu l-pedamenti tal-istruttura sħiħa. Wara li jsir dan, il-kmamar jerġgħu jinbnew kif kienu. Il-pjan ta’ restawr ġie appoġġjat mis-Suprintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Ix-xogħlijiet se jkunu mmonitorjati minn uffiċjali tal-konservazzjoni tal-PA.

Il-Konfraternità u l-Arċidjoċesi se jiffinanzjaw il-proġett, għalkemm qed jesploraw il-possibiltà li jintużaw fondi Ewropej ghal proġett. Fondi Ewropej qed jintużaw għar-restawr ta’ numru ta’ knejjes storiċi madwar Malta.