Se tkun onorata bil-Premju Tully għal-Libertà tal-Kelma

Il-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia se tkun onorata wara mewtha bil-Premju Tully għal-Libertà tal-Kelma.
Il-premju se jiġi ppreżentat miċ-Ċentru Tully għal-Libertà tal-Kelma fl-Iskola Newhouse fl-Università ta’ Sirakuża fi New York nhar it-3 t’April, u biex jiġbru l-premju se jkun hemm familtha.
Waqt iċ-ċerimonja se jiġu diskussi ħajjitha, xogħolha u x’ħalliet warajha għall-oħrajn.
Għal dal-premju għadd ta’ persuni barra mill-istituzzjoni Tully nnominaw bosta ġurnalisti, imbagħad minn dawn il-persuni membri u studenti minn Tully għażlu lil Daphne Caruana Galizia.
Id-direttur ta’ Tully, Roy Gutterman, qal li se jkun unur għalihom li jgħaddu dan il-premju lill-familja Caruana Galizia, filwaqt li żied jgħid li l-istudenti taċ-ċentru jistgħu jitgħallmu ħafna mill-ġurnalista assassinata.