Se tkun kumpanija Griega li se tieħu ħsieb il-ħażna tal-gass f’Delimara

Se tkun kumpanija Griega li se tiġi fdata mill-bini tal-ħażna tal-gass LNG għall-power station il-ġdida f’Delimara.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-kumpanija Griega, J&P Avax li hija rreġistrata f’Ateni ġiet intgħażlet mill-kumpanija Electrogas Malta biex tikkummissjona l-installazzjoni għall-importazzjoni, il-ħażna u r-rigassifikazzjoni tal-gass tat-tip LNG.
Dan il-gass mistenni li jasal mill-Ażerbajġan, hekk kif il-kumpanija tal-istat tal-Ażerbajġan SOCAR, hija parti mill-konsorzju li ntgħażel mill-Gvern Malti għall-bini ta’ power station ġdida bil-gass f’Delimara.
J&P Avax ingħataw kuntratt għal 18-il xahar, li se jiġi jiswa €125 miljun.
L-ewwel li se tagħmel il-kumpanija Griega huwa studju intensiv.
Dan sabiex il-proġett kollu jinkludi x-xiri ta’ tagħmir speċjalizzat għal-likwifikazzjoni, l-ħażna u l-gassifikazzjoni tal-LNG, il-bini, il-ħidma tal-installazzjoni u l-provvista tal-LNG lejn il-power station mit-tanker tal-gass, li se jkun l-LNG Gemini.