Se tkun il-Belt biex tfakkar l-imwiet fil-Mediterran?

Grupp ta’ persuni qed jorganizzaw attività biex jiftakru f’dawk li tilfu ħajjithom fil-Mediterran waqt li kienu qed ifittxu l-ażil.

Fuq Facebook inħolqot paġna għall-attività li se tiġi organizzata nhar il-Ħamis fis-7:30 pm fil-port ta’ Marsamxett.

L-organizzaturi qalu li n-nies qed ikomplu jmutu fil-Mediterran. Qalu li l-ħajja ta’ dawk li mietu kienet għażiża għal dawk li kienu jħobbuhom. Qalu li jrid jintwera rispett lejn il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem filwaqt li tkompli t-tfittxija għas-soluzzjonijiet.

“Il-mewt m’għandux jiġi aċċettat bħala effett sekondarju tat-tiftix għall-ażil” kitbu fuq Facebook.

L-organizzaturi qalu wkoll li jixtiequ jibgħatu messaġġ lill-politiċi li qed iżommuhom responsabbli għal dak li jiddeċiedu.

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu, madwar 100 persuna mmarkaw fuq Facebook li kienu se jattendu l-attività.

Posted by Erika Borg on Monday, July 2, 2018