Se titwaqqaf l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment; introdotta skema oħra

F’Settembru li ġej se tkun qiegħda titwaqqaf l-iskema taċ-ċittadinanza Maltija b’investiment u minflokha se tkun qiegħda tiġi introdotta skema ta’ pjan ta’ residenza. Permezz ta’ din l-iskema kull persuna li tixtieq tikseb passaport Malti trid tkun ilha tgħix sena Malta qabel tkun eliġibbli biex tapplika.

Dan ġie mħabbar mis-Seġretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat waqt messaġġ indirizzat lill-midja. Huwa żied li minn Settembru li ġej persuna mhux se tkun tista’ tapplika għaċ-ċittadinanza jekk l-ewwel ma tkunx residenti f’Malta.

Huwa spjega li taħt din l-iskema l-applikanti li jridu japplikaw għaċ-ċittadinanza jridu jinvestu €750,000 jew €650,000 taħt il-liġijiet eżistenti u jridu jkunu ilhom sena jgħixu Malta

L-applikanti li jinvestu €600,000 f’Malta jridu jkunu ilhom jgħixu Malta tliet snin qabel ma jkunu jistgħu japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija.

Minn din l-iskema 400 applikant fis-sena se jkunu approvati u taħt l-iskema l-ġdida se jiġu approvati sa 1,500 applikant. Muscat spjega li l-iskema proposta hija simili ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa. Żied li din l-iskema se tkun qed timxi għall-programm ta’ residenza bil-possibilità li twassal biex persuna tikseb iċ-ċittadinanza.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li wara li jsir  il-proċess ta’ due diligence mill-Malta Individual Investor Programme Agency madwar 23% tal-applikanti ġew irrifjutati. Kompla li l-lista ta’ dawk il-persuni li se jkunu qegħdin jingħataw iċ-ċittadinanza se tibqa’ tiġi ppubblikata madankollu mhux se jibqa’ jitniżżel il-mod kif ingħatat iċ-ċittadinanza.