Se titwaqqaf Fondazzjoni ‘Lisa Maria’ biex tħares lit-tfal u liż-żgħażagħ

Il-mewt taż-żagħżugħa Lisa Maria Zahra iktar kmieni din is-sena qanqal lil qrabatha u voluntiera oħra jwaqqfu fondazzjoni biex tħares lit-tfal u liż-żgħażagħ.
Il-fondazzjoni ‘Lisa Maria’ se titnieda uffiċjalment fis-6 ta’ Ottubru.
Se titwaqqaf minn missier Lisa Maria, Tony, u minn neputih Winston J, flimkien ma’ għadd ta’ voluntiera li se jmexxuha bħala għaqda mhux governattiva mingħajr intenzjoni ta’ qliegħ.
L-għan hu li ġġib flimkien mexxejja ta’ diversi istituzzjonijiet f’Malta biex ifasslu strateġiji biex fil-pajjiż jinħoloq ambjent sigur u ferħan.
Hekk it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.
Tony Pace, il-Kap Eżekuttiv ta’ din il-fondazzjoni, spjega li se taħdem fuq tliet punti prinċipali.
Il-fondazzjoni trid li jinħolqu proċeduri effettivi biex jingħażlu dawk li jiġu afdati bil-kura tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Se taħdem ukoll fuq kodiċi ta’ mġieba li jiddefinixxi l-limiti sa fejn għandhom jaslu adulti fir-relazzjoni tagħhom ma’ tfal u żgħażagħ.
Se tfittex li toħloq iktar għarfien u edukazzjoni għal tfal, ġenituri u dawk kollha li jaħdmu mat-tfal u ż-żgħażagħ dwar l-użu sigur tal-midja soċjali.