Se tittieħed azzjoni kontra 10 uffiċjali tal-Myanmar b’rabta ma’ qtil

Se tittieħed azzjoni kontra 10 membri tal-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar f’konnessjoni mal-qtil ta’ Musulmani Rohingya.
Skont ir-Reuters, għaxart irġiel Rohingja inqatlu f’Rakhine u ġew midfuna f’qabar wara li tqattgħu minn xi arma jew intlaqtu minn tiri.
Kelliem għall-Gvern tal-Myanmar qal mar-Reuters li l-azzjoni li se tittieħed se tkun skont dak li tgħid il-liġi.
F’Jannar, il-forzi militari tal-Myanmar qalu li dawn l-10 t’irġiel kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ 200 terrorist li kienu attakkaw uffiċjali fil-pajjiż. Din il-verżjoni tal-Gvern ġiet miċħuda minn nies li tkellmu mal-midja internazzjonali.
S’issa madwar 690,000 Rohingya ħarbu minn Rakhine u marru lejn il-Bangladesh wara li seħħew attakki kontrihom mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar.