Se titnieda Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Benedittu bil-Malti

L-Arċidjoċesi ta’ Malta se tniedi l-pubblikazzjoni bil-Malti ta’ Verbum Domini (Il-Kelma tal-Mulej), li hi l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Benedittu XVI tat-30 ta’ Settembru 2010.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li l-preżentazzjoni li hija miftuħa għall-pubbliku se ssir nhar l-Erbgħa 22 ta’ Jannar 2020 fil-5:30pm fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK), Birkirkara.

Il-pubblikazzjoni se tiġi ppreżentata mill-Arċisqof Charles Scicluna.

“Din l-Eżortazzjoni Appostolika hi frott tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet li saret f’Ruma bejn il-5 u s-26 ta’ Ottubru 2008. It-tema tas-sinodu kienet Il-Kelma ta’ Alla fil-Ħajja u fil-Missjoni tal-Knisja,” qalet l-Arċidjoċesi.

Id-dokument jikkonsisti fi tliet partijiet: Verbum Dei (Il-Kelma ta’ Alla), Verbum in Ecclesia (Il-Kelma fil-Knisja), u Verbum Mundo (Il-Kelma lid-Dinja). F’din l-eżortazzjoni, il-Papa Benedittu jagħti wkoll rakkomandazzjonijiet pastorali siewja biex il-Kelma ta’ Alla tkun tassew fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Insara.

“Meta f’Settembru li għadda, il-Papa Franġisku ħareġ l-Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju Aperuit illis, biex iwaqqaf il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla fit-tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena, huwa rrakkomanda l-qari ta’ din l-ittra sabiħa tal-predeċessur tiegħu. Il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla ser jiġi ċċelebrat għall-ewwel darba fis-26 ta’ Jannar 2020,” temmet tgħid l-Arċidjoċesi.