Se titneħħa t-taxxa tal-ekokontribuzzjoni

Mill-1 ta’ Settembru se titneħħa l-ekokontribuzzjoni wara fethim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-korpi kostitwiti.
Il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat qal li għall-ewwel darba se jibdew jitħaddmu r-regoli Ewropej marbuta mal-iskart elettriku u elettroniku magħrufa bħala WEEE.
Brincat ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jinħarġu żewġ avviżi legali, wieħed li jemenda l-att dwar l-ekokontribuzzjoni biex titneħħa din it-taxxa u ieħor b’emendi għar-regoli dwar l-iskar elettriku u elettroniku.
Il-Ministru Brincat qal li dawk li se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-bidu mit-tneħħija tal-ekokontribuzzjoni huma biss dawk li jidħlu fi skema awtorizzata jew li jintrabtu formalment li jirregolaw lilhom infushom b'mod li jkunu suġġetti għall-verifiċi effettivi.
Dawn ikollhom żmien sal-aħħar ta’ Awwissu sabiex jiddeċiedu u jinfurmaw lill-MEPA bħala regolatur xi tkun id-deċiżjoni tagħhom, jekk jissieħbux fi skema jew hux se jirregolaw lilhom infushom.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut