Se titneħħa dispożizzjoni diskriminatorja fl-atti notarili

Rosianne Cutajar
Miguela Xuereb

Dispożizzjoni fil-liġi li titlob lill-mara li tersaq għal att notarili biex tniżżel l-istat ċivili, waqt li lir-raġel le, qed toħloq diskriminazzjoni u se titneħħa għal din ir-raġuni.

Fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar qalet li Artiklu 28 tal-Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarali jiddiskrimina kontra n-nisa peress li jgħid li kull mara li tersaq għal att notarili trid tniżżel l-istat ċivili tagħha, fl-istess waqt, ir-raġel ma jintalab qatt li jagħmel dan.

Din id-dispożizzjoni tmur lura għall-1927 u nżammet minkejja diversi emendi li saru fuq l-att. Artiklu 28 ġie emendat fl-2018 wara sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali, iżda din il-klawsola partikolari baqgħet fis-seħħ.

Din il-klawsola kienet suġġett ta’ kawża li ressqet Maria-Therese Cuschieri wara li ġiet infurmata li kuntratt li għamlet ma setax jiġi rreġistrat wara li naqset milli tagħti l-istat tagħha. Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lorraine Schembri-Orland qatgħetha favur tagħha u appell tal-Avukat Ġenerali ġie miċħud.

Ftit wara, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza daħlet fil-kwistjoni wara sejħa mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola. Il-Kummissarju Renee Laiviera kkonfermat li din kienet klawsola diskriminatorja.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius u l-Membri Parlamentari Claudette Buttigieg, Therese Comodini Cachia, u l-Whip Robert Cutajar, ressqu Private Members Bill bl-għan li jitneħħa dan l-istat ta’ diskriminazzjoni wara d-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fis-26 ta’ Jannar 2018.

Madanakollu l-Gvern ressaq abbozz ta’ liġi bl-emendi tiegħu.

Claudette Buttigieg irrimarkat li għalkemm huma jaqblu ma’ din l-emenda, jeħtieġ li l-Gvern jagħmel ħafna iktar minn hekk fil-qasam tal-ugwaljanza. Hija sosniet bil-legalizazzjoni tal-prostituzzjoni, il-Gvern se jiftaħ il-bibien beraħ b’dannu għan-nisa li jiġu sfruttati mill-irġiel.

Buttigieg sostniet li l-Gvern ma jistax jiftaħar li huwa favur l-ugwaljanza u mbagħad jippermetti dan. Semmiet kif toħlom li xi darba ma jkollniex bżonn ministeru responsabbli mill-ugwaljanza u Jum il-Mara, għax ma jkollniex diskriminazzjoni.