Se titlaqqa’ l-Assemblea Djoċesana; diskuss il-pjan pastorali

Matul il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġej l-Arċidjoċesi ta’ Malta se tkun qed tlaqqa’ l-Assemblea Djoċesana li fiha se tkun qed tiddiskuti l-working document tal-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi bejn l-2020–2023.

L-Assemblea se tkun ippreseduta mill-Arċisqof Charles Scicluna fis-Sala taċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara. Il-preżentazzjoni tal-pjan pastorali se jkun ippereżentat mid-Delegat Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni Dr Nadia Delicata.

It-tema tal-working document hija ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed – Proċess ta’ Dixxerniment Ekkleżjali 2020-2023’. Dan id-dokument jelenka erba’ punti ewlenin għall-Knisja li huma: li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħroġ bla biża’ biex ixxandar il-Bxara t-Tajba. Dan id-dokument huwa ispirat mir-rakkont tad-Dixxipli ta’ Emmaws mill-Evanġelu ta’ San Luqa u nkiteb wara li saret konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha involuti f’diversi ħidmiet tal-Knisja u tas-soċjetà Maltija.

Matul l-Assemblea l-Arċisqof u l-Isqof Awżiljarju se jkunu qed jisimgħu r-reazzjonijiet għal dan id-dokument minn diversi rappreżentanti involuti direttament fil-ħidma tal-Knisja. Dan id-dokument mistenni jiġi ppubblikat f’Jannar li ġej.

Għal din l-Assemblea, il-Kappillani u rappreżentanti tal-parroċċi kollha, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti Kattoliċi, flimkien ma’ delegati u persuni oħra fil-kunsilli tal-Arċidjoċesi hu mistiedna jattendu. L-Arċisqof Charles Scicluna se jagħlaq l-Assemblea bid-diskors tiegħu l-Ġimgħa filgħaxija.