Se tintefa l-Funtana tat-Tritoni; manutenzjoni ppjanata

Il-Funtana tat-Tritoni se tintefa bejn is-16 u l-25 ta’ Mejju biex isir manutenzjoni li kienet ippjanta.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Proġetti Kapitali qal li ssir manutenzjoni kontinwament biex il-funtana tinżamm nadifa, bid-dwal u l-ġettijiet tal-ilma kollha jaħdmu, u bil-bronż u t-travertin bl-aħjar dehra. 
Qal li ħafna minn dawn ix-xogħlijiet isiru mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-funtana tintefa u ilhom isiru minn meta l-funtana bdiet taħdem.
Skont il-Ministeru ġie magħżul il-perjodu opportun sabiex isiru dawn l-interventi li se jieħdu madwar ġimgħa sabiex jitlestew. M’għandhomx jaħbtu maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Valletta 2018 jew festi oħra.
Għax-xogħol fuq it-travertin jeħtieġ li l-funtana tintefa’ tlett ijiem qabel jibdew ix-xogħlijiet, sabiex it-travertin jilħaq jinxef mill-ilma li jista’ jkun ta’ detriment għat-trattament li se jingħata.