Se tingħata lura l-VAT imħallsa fuq il-vetturi rreġistrati fl-2004

Kif tħabbar fil-baġit, il-Gvern se jagħti lura l-ammont kollu tat-taxxa tal-VAT li tħallset fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni lis-sidien li rreġistraw il-vettura tagħhom bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2004.
L-ammont se jkollu mnaqqas dak li diġà tħallas fl-2014.

Il-ħlas se jkun f’pagament wieħed lil dawk eliġibbli, bl-istess proċess se jiġi adottat għas-snin konsekuttivi sas-sena 2008.

Fil-ġranet li ġejjin Transport Malta se tavża bil-miktub lill-applikanti eliġibbli għal din l-iskema u li rreġistraw il-vettura tagħhom bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2004. 
L-ammont dovut f’ċekk se jintbagħat fl-indirizz provdut fuq il-formola tal-applikazzjoni.
L-applikanti għandhom jivverifikaw id-dettalji personali tagħhom, jiffirmaw u jibgħatu l-formola tal-applikazzjoni lil Transport Malta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2015.
M’hemmx bżonn dokumenti addizzjonali fil-każ li l-applikant ikun qed jibgħat il-formola tal-applikazzjoni f’ismu.
Fil-każ ta’ persuni li mietu, il-werrieta jridu jibgħatu dikjarazzjoni konġunta ffirmata minn nutar pubbliku, bl-ismijiet tal-werrieta u l-isem tal-persuna li se tirċievi l-ammont dovut.
Sidien ta’ vetturi li kienu rreġistraw vettura għall-użu personali bejn il-perjodu l-1 ta’ Mejju u 31 ta’ Diċembru 2004, u li huma eliġibbli għall-iskema iżda ma kienux applikaw, jistgħu jissottomettu formola tal-applikazzjoni lil Transport Malta bejn l-1 u l-31 ta’ Lulju.
Għal iktar informazzjoni jew assistenza wieħed jista’ jcempel fuq in-numru freephone 8007 2373 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8 ta’ filgħodu u l-4 ta’ wara nofsinhar jew b’imejl fuq: grantscheme.tm@transport.gov.mt.