Jekk se tgħaddi minn Ħaż-Żabbar

Transport Malta qalet li se tingħalaq Triq il-kunvent, Ħaż-Żabbar minħabba x-xogħlijiet li qed isiru.

Fi stqarrija TM qalet li qed tibni mill-ġdid Triq il-Kunvent Ħaż-Żabbar li tagħti aċċess importanti għaċ-ċentru ta’ Ħaż-Żabbar, għax-Xgħajra u għal Marsaskala.
Żiedet tgħid li waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet instab li t-triq ma kinitx mibnija fuq blat sod u għalhekk għażlet li tħaffer iżjed fil-fond biex it-triq il-ġdida jkollha pedamenti tajbin.
Intant hija qalet li se torganizza servizz shuttle għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku għax xi rotot li sejrin lejn ix-Xgħajra u Marsaskala se jkunu affettwati.  Spjegat li vann se jitlaq minn Pjazza Medjatriċi lejn ix-Xgħajra u ieħor lejn Wied il-Għajn kull tlett kwarti.  Ir-rotot tat-trasport pubbliku li sejrin lejn il-Belt Valletta mhux se jkunu affettwati.