Se tingħalaq il-ħażna tal-fjuwil ta’ taħt l-art f’Wied Dalam

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-impjant ta’ ħażna ta’ jet fjuwil ġdid li mhux biss jaħseb għall-bżonnijiet tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta iżda huwa investiment li se jibqa’ jaqdi u jlaħħaq mad-domanda li dejjem qed tiżdied tal-industrija tal-avjazzjoni f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru qal li bis-saħħa ta’ dan l-impjant b’investiment ta’ €15-il miljun mill-Enemed il-ħażna f’Wied Dalam eventwalment se tingħalaq darba għal dejjem u b’hekk se jkun qed jingħata nifs ġdid lir-residenti ta’ madwar Birżebbuġa u dawk li jgħixu fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Oriġinarjament l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien jiddependi fuq pipeline wieħed biss. B’dan l-investiment li sar ġewwa Luqa Bulk 1, l-immodernizzar tal-ħażna tal-fjuwil se tkun qed tieħu post 8 tankijiet separati li kienu jżommu mhux iżjed minn 440 metru kwadru ta’ fjuwil kull wieħed. Luqa Bulk 1 se jkun mgħammar wkoll b’sistema ġdida ta’ digital control system li ġiet installata sabiex tagħmel ċert li l-intervent uman ikun wieħed mill-inqas. Infatti, Enemed ħasbet ukoll sabiex permezz ta’ sistema awtomatika, l-interventi f’inċidenti tan-nar li jistgħu jseħħu jkunu jilħqu standards ta’ sigurtà internazzjonali kif mitlub mil-liġijiet lokali u Ewropej.

Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Enemed qal li dan il-proġett kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu għal għexieren ta’ snin b’mod partikolari fl-aħħar snin biż-żieda fl-għadd ta’ ajruplani li bdew itiru minn u lejn Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia qal li dan il-proġett jirrifletti l-qabża fil-kwalità li għamel pajjiżna fl-industrija tal-avjazzjoni u fl-iżvilupp ta’ teknoloġija state of the art li minnha qed igawdi l-pajjiż kollu. “Iżjed minn hekk,” żied jgħid, “qed nuru li dan huwa Gvern li għandu għal qalbu l-interess ambjentali ta’ pajjiżna u ċ-ċittadini tiegħu.” Huwa rringrazzja lit-tmexxija u lill-ħaddiema tal-Enemed li minkejja x-xhur diffiċli li għadda minnhom pajjiżna, baqgħu għaddejjin bl-isforzi tagħhom biex tlesta dan il-proġett.