Se tinfetaħ Kummissjoni Għolja Maltija fil-Ghana

Malta se tiftaħ l-ewwel rappreżentazzjoni diplomatika tagħha fl-Afrika fin-Nofsinhar tas-Saħara fil-Ghana.
Dan tħabbar mill-Ministru Għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela. Huwa qal li l-Kummissjoni Għolja fil-Ghana se toffri kuntatti ġodda li bihom Malta se tkun tista’ tkompli fil-ħidma tagħha fl-għajnuna għall-iżvilupp. Malta tqis din il-parti tal-Afrika fost ir-reġjuni ta’ prijorità li jistgħu jibbenefikaw mill-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA).
Il-Ghana waqqfet missjoni diplomatika f’Malta f’Awwissu tal-2014. F’Lulju tas-sena l-oħra il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, flimkien ma’ Abela u delegazzjoni magħmula minn negozjanti minn għoxrin intrapriża lokali żaru l-Ghana.
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ghana ilhom stabbiliti mis-27 ta’ Frar 1974.
Iż-żewġ pajjiżi huma membri tal-Commonwealth u jikkooperaw flimkien fi ħdan l-organizzazzjoni.
Malta toffri żewġ Boroż ta’ Studju tal-Commonwealth u żewġ Boroż ta’ Studju fi ħdan il-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta għall-istudenti tal-Ghana u tan-Niġerja biex dawn ikunu jistgħu jsegwu studji post-universitarji f’Malta.  
Ritratt: MFTP