​Se tinbena lukanda ħdejn l-ajruport

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-master plan għal investiment ta’ mhux inqas minn €100 miljun fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) li jinkludi fih il-bini ta’ lukanda.
Fi stqarrija, l-ajruport qal li se jkun qed isir żvilupp tal-infrastruttura tat-terminal, kif ukoll fil-kampus tal-ajruport b’mod ġenerali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg qal li permezz ta’ dan l-investiment l-ajruport qed jimmira li jissolidifika  l-irwol tiegħu fl-ekonomija lokali billi jkompli jilqa’ aktar turisti u joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol.
Alan Borg stqarr li fit-terminu qasir, il-kumpanija se tkun qed tiffoka fuq it-tlestija tal-proġett tar-rikonfigurazzjoni tat-terminal tagħha.
L-ajruport qal li l-bini se jkun qed joffri faċilitajiet ta’ negozju , ħwienet ta’ kwalità għolja, u anki aktar opportunitajiet ta’xogħol fil-futur.
Il-Kap Eżekuttiv żied jgħid ukoll li fl-aħħar kwart tas-sena huwa maħsub li jibdew xogħlijiet fuq il-bini ta’ pakeġġ b’bosta sulari, li għandu jipprovdi spazju għal aktar minn 1,300 karozza. Qal li l-master plan jinkludi wkoll pjanijiet għall-iżvilupp ta’ SkyParks II li se jakkomoda spazju għal uffiċini u ħwienet, kif ukoll business hotel.
Fl-istqarrija l-ajruport qal li qabel l-approvazzjoni tiegħu, il-master plan ġie suġġett għal Valutazzjoni tal-Impatt tat-Traffiku u Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, li bħala parti minnha nfetaħ perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati lokali, NGOs ambjentali u awtoritajiet governattivi bil-għan li dawn ikunu jistgħu jirrevedu l-pjan u jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom.
Ritratt: MIA