Se tinbena junction b’livelli differenti f’Ħal Luqa

IM

Read in English.

Infrastructure Malta se tkun qed tibni junction b’livelli differenti f’Ħal Luqa.

Fi stqarrija IM qalet li qed tniedi l-Luqa Junction Project, investiment tas-sena 2021 biex flok ir-roundabout prinċipali ta’ Ħal Luqa tibni junction b’livelli differenti għal aktar ħeffa u sigurezza fir-rotot ewlenin bejn Ħal Qormi, Santa Luċija, il-Marsa, il-Gudja, l-Ajruport, il-mini ta’ Ħal Kirkop u Birżebbuġa.

Dan il-proġett ġdid se jniedi flyover, mina taħt l-art u korsiji oħrajn biex jipprovdu konnessjonijiet diretti bejn tliet toroq arterjali, jiġifieri Triq San Tumas lejn Ħal Qormi, Triq il-Kunsill tal-Ewropa minn Santa Luċija u l-Marsa, u Vjal l-Avjazzjoni, li twassal għall-Gudja, Birżebbuġa, il-mini ta’ Ħal Kirkop kif ukoll l-Ajruport u l-Freeport.

Il-proġett se jbiddel ukoll il-medda art kbira fejn bħalissa hemm ir-roundabout, fi spazju miftuħ ta’ madwar 5,900 metru kwadru, sabiex il-biċċa kbira minnu jsir post pubbliku ta’ rikreazzjoni b’siġar, passaġġi u xogħlijiet tal-arti monumentali, u b’aċċess faċli biex tasal għalih bil-mixi miċ-ċentru ta’ Ħal Luqa.

Luqa Junction Project jinkludi wkoll passaġġ għall-mixi u r-roti mifrud mit-triq tul parti minn Triq il-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jingħaqad mal-korsiji għar-roti u l-bankini li diġà hemm fi Vjal l-Avjazzjoni.

IM qalet li kważi 16,000 persuna jivvjaġġaw minn din iż-żona kull siegħa fl-għeqqel ħinijiet ta’ filgħodu u waranofsinhar.

Intqal li flimkien mal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project, li jinkludi tibdil simili tar-roundabout tal-Ajruport nofs kilometru bogħod, Luqa Junction Project mistenni jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni.

“Dawn iż-żewġ proġetti tista’ tgħid se jeliminaw ukoll żewġ żoni magħrufin għall-aċċidenti, billi jneħħu l-ħtieġa li vetturi jaqsmu kontra xulxin fiż-żewġ roundabouts. Fl-istess waqt, permezz ta’ faċilitajiet aktar siguri, se jonqsu wkoll ir-riskji t’aċċidenti għal dawk li jkunu għaddejjin f’din iż-żona bil-mixi jew bir-rota,” qalet IM.

Qed taħdem biex sal-aħħar ta’ din is-sena tikkonkludi l-proċessi għall-ħruġ tal-permess tal-iżvilupp u l-akkwisti tas-servizzi meħtieġa għal dan il-proġett.

Ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett huma ppjanati għall-2021.