Se tiġi riveduta l-liġi minħabba l-każ tat-tfal Ġermaniżi f’Għawdex

Il-każ tat-tlett itfal Ġermaniżi li kienu qed jinżammu Għawdex wara li ddaħħlu Malta b’mod illegali, se jwassal biex jiġu riveduti ċertu liġijiet f’Malta. Ir-reviżjoni se ssir bl-involviment tal-avukati u l-pulizija
Dan qalu fil-Parlament il-Ministru tal-Familja Michael Farrugia, wara li ġie kkonfermat li dan kien riżultat ta’ vjaġġar bejn żewġ pajjiżi miż-żona Schengen.
Il-Ministru Farrugia qal li sar jaf bil-każ permezz ta’ komunikazzjoni li ntbagħtitlu mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali fis-7 ta’ Lulju li għadda.
Sostna li l-fatt li t-tfal kienu taħt ordni tal-Qorti u mhux taħt Ordni għall-Ħarsien, ifisser li l-awtoritajiet ma setgħux iħallu isimhom fil-port jew fl-ajruport biex jiġbdu l-attenzjoni tal-uffiċjali tal-immigrazzjoni.
Nhar it-Tnejn fil-Parlament, il-Ministru Michael Farrugia qal li ma nħarġet l-ebda Ordni għall-Ħarsien għat-tliet it-tfal Ġermaniżi li nstabu f’Marsalforn f’Ġunju li għadda, wara li wieħed minnhom instab jilgħab waħdu f’għalqa.