Se tiġi restawrata l-kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun

Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda r-restawr tal-kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas, fiż-Żejtun. Ħabbru dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l-Arċipriet taż-Żejtun Dun Nicholas Pace. Dan ir-restawr se jsir b’investiment ta’ madwar €130,000, ko-finanzjati mill-fondi Ewropej.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-istruttura tal-kappella ddeterjorat ħafna minħabba dħul ta’ ilma mis-saqaf u l-umdità. Permezz ta’ dan l-investiment se jinbnew ħames strutturi fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-kappella biex jissaħħaħ il-ħajt u b’hekk jissaħħu l-ħnejjiet tas-saqaf tal-kappella. Dan l-intervent iwaqqaf il-ħajt milli jkompli jiċċaqlaq u tieqaf il-ħsara li qed jikkaġuna.

Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-kappella se tiġi restawrata għall-isbuħija oriġinali tagħha. Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li fondi Ewropej qed iservu biex jiġi ppriservat il-wirt li ħallew ġenerazzjonijiet passati sabiex ikunu jistgħu jgawduh ġenerazzjonijiet futuri.

Michael Pace Ross, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, qal li dan il-proġett fiż-Żejtun jagħmel parti mill-kullana ta’ xogħol ta’ konservazzjoni u restawr bla preċedent li l-Arċidjoċesi ta’ Malta qed twettaq b’fondi tal-Unjoni Ewropea. Saħaq li dawn ix-xogħlijiet fuq diversi opri tal-arti u knejjes qed jagħtu ħajja mill-ġdid lill-patrimonju reliġjuż fil-Gzejjer Maltin sabiex dan jitgawda mill-Maltin u mit-turisti. F’isem il-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross irringrazzja lis-Segretarjat għall-Fondi Ewropej u lill-konsulenti EMCS għall-ħidma tagħhom. Ħabbar li dalwaqt se joħorġu t-tenders ta’ dawn il-proġetti sabiex is-sena d-dieħla jibda r-restawr.

L-Arċipriet Dun Nicholas Pace qal li din il-kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas kienet il-knisja ewlenija ta’ Ħal Biżbud, fiż-żmien li kienet qiegħda tinbena l-knisja arċipretali taż-Żejtun iddedikata lil Santa Katarina.  Huwa spjega kif fl-1850, ir-rettur Dun Giovanni Tabone rrestawra l-kappella u poġġa relikwa tal-martri San Amabile taħt l-artal prinċipali, fejn kien diġà hemm orgni kif ukoll qanpiena magħmula fl-1782 mill-aħwa Triganza. Dun Nicholas Pace stqarr li minħabba dawn il-fatturi “se nkunu qegħdin nirrestawraw kappella storika oħra”.