​Se tieħu d-differenza jekk ma tasallekx tallinja card u applikajt fil-ħin

Malta Public Transport qalet li trid isserraħ moħħ kull min applika għal talinja card fiż-żmien stipulat, li se jirċievi l-card.
Qalet ukoll li f’każ li l-card ma tasalx fil-ħin, se jkun hemm mezz kif wieħed jieħu lura d-differenza żejda li jkun ħallas fil-prezz.
L-għadd ta’ reġistrazzjonijiet għal tallinja card dalwaqt jilħaq il-120,000.
Malta Public Transport spjegat li fl-aħħar jiem kien hemm żieda sostanzjali fl-għadd ta’ persuni li applikaw għal din il-card hekk kif it-tariffi l-ġodda tas-servizz pubbliku se jidħlu fis-seħħ min-nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Lulju.
Intqal li dawk li applikaw għal tallinja card sad-19 ta’ Ġunju, se jirċievu l-card tagħhom qabel l-1 ta’ Lulju.
Ġie spjegat li ġew allokati iktar riżorsi biex dan il-għan jintlaħaq. Fl-istess waqt, dawk li applikaw fl-aħħar ġimagħtejn se jirċievu l-card tagħhom fil-jiem li ġejjin.
Tfakkar li tallinja cards jistgħu jiġu ttoppjati permezz tas-sit www.tallinja.com jew minn xi fergħa awtorizzata biex passiġġieri jibbenefikaw mit-tariffi mraħħsa ladarba jkunu applikaw għall-card qabel l-1 ta’ Lulju.