Se tiddaħħal limitazzjoni fuq il-veloċità tal-vapuri fil-port

Fil-port fin-naħa t’isfel ta’ Malta, li jilqa’ fih il-Port Ħieles imma anke l-port ta’ Marsaxlokk u Delimara –fejn il-Gvern qed jippjana li jdaħħal il-faċilità ta’ vapur b’ħażna ta’ gass għall-power station– se jiddaħħlu numru ta’ miżuri fosthom limitazzjonijiet fuq il-veloċità tal-vapuri li jimmanuvraw. Dan biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħabtiet bejn vapuri fl-istess port.
 
Il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi qal dan fil-Parlament illejla bi tweġiba għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista George Pullicino dwar jekk sarx studju dwar ir-riskju ta’ kollużjoni bejn il-vapuri għall-proġett f’Delimara, kif ukoll jekk hux veru li l-possibiltà ta’ ħabta bejn dan il-vapur u l-vapuri li jżuru l-Port Ħieles hi waħda għolja.
 
Konrad Mizzi insista li l-gass LNG hu wieħed mill-aktar gassijiet b’rekord għoli ta’ sigurtà filwaqt li bi tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk il-Gvern għamilx studju dwar siti alternattivi għall-bastiment bil-ħażna ta’ gass, hu qal li “saret analiżi dettaljata ta’ alternattivi differenti” li ġew ikkunsidrati fl-EIS li hu dokument pubbliku.
 
Mistoqsi jekk il-Gvern għamilx studju dwar l-impatt ta’ dan il-vapur fuq l-attività marittima f’Marsaxlokk, il-Ministru qal li “Transport Malta għamlet simulazzjonijiet ta’ manuvrar ta’ vapuri fil-bajja biex ikun determinat jekk il-manuvrar ta’ vapuri terzi hux se jkun affettwat”.
 
George Pullicino staqsa wkoll jekk hux veru li fl-istudju tar-riskji li sar biex jiddetermina kif se jinfirex il-gass f’każ ta’ leak, intużax mudell ta’ art lixxa meta l-power station qiegħda taħt l-irdumijiet. Imma Konrad Mizzi insista li l-istudju sar fuq standards internazzjonali filwaqt li l-istudju ħa in kunsiderazzjoni l-gass LNG.