Se tibda ssir quddiesa tal-funerali minn nhar il-Ġimgħa

Il-quddies tal-funerali se jerġa’ jibda jsir minn nhar il-Ġimgħa li ġej.

Dan irriżulta minn laqgħa li l-Isqfijiet Maltin – l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – kellhom mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

F’kumment li ta lil Newsbook.com.mt fi tmiem il-laqgħa, l-Arċisqof Scicluna spjega li l-proċess tad-djalogu beda f’Marzu u se jkompli fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Iddeskriva l-laqgħa tal-lum bħala pożittiva. Stqarr li fil-laqgħa ddiskutew il-possibilità li fil-funerali tkun tista’ ssir quddiesa qabel id-difna, f’ambjent preferibbilment miftuħ. Il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet se jiġu kkomunikati aktar ‘il quddiem.

Mons. Scicluna rrimarka li tliet ġimgħat oħra, wara aktar djalogu mal-awtoritajiet tas-saħħa, wieħed jara xi jkunu l-fażijiet li jmiss. F’isem l-Isqfijiet, l-Arċisqof saħaq li dak li jsir għandu jsir dejjem bi spirtu ta’ attenzjoni kbira lejn is-saħħa tal-poplu. Appella għall-kawtela u biex kulħadd jikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa, u fl-istess ħin il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jagħti tislima f’waqtha lill-għeżież li jħalluna.

Minħabba l-imxija tal-coronavirus, il-funzjonijiet reliġjużi kollha twaqqfu fit-12 ta’ Marzu li għadda.  F’dawn l-aħħar xahrejn, il-quddies ixxandar kuljum fuq it-televixin u online.