“Se tħalli lill-Italja thedded lil Malta?” – Miriam Dalli lill-KE

Read in English.

L-MEP Laburista Miriam Dalli talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tassigura li l-interconnector bejn Malta u Sqallija jibqa’ jaħdem kif inhu. Hija staqsiet ukoll lill-KE jekk tħossx li hija aċċettabbli li l-Viċi Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio “jhedded” stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Dan wara li iktar kmieni din il-ġimgħa, Di Maio tkellem fuq it-televiżjoni tal-istat Taljan u qal li Malta qed tieħu l-elettriku mill-Italja, iżda qed tirrifjuta li tagħti l-għajnuna tagħha fil-qasam tal-immigranti. Għal dan, il-Gvern Malti kien immedjat biex iwieġeb u jgħid li Malta tixtri l-enerġija bi prezzijiet kummerċjali.

Fil-mistoqsijiet li ressqet lill-Kummissjoni Ewropea, Miriam Dalli qalet li l-interconnector bejn Malta u l-Italja kien sar biex iwaqqaf l-iżolament tal-gżejjer Maltin mill-grid Ewropew tal-enerġija, u jassigura provista stabbli ta’ enerġija. Kien hawnhekk li rreferiet għall-kummenti ta’ Di Maio bħala “theddida sottili”. Hija sostniet li s-salvataġġ mill-vapur Aquarius sar fiż-żona ta’ salvataġġ tal-Libja u mhux ta’ Malta.

Miriam Dalli staqsiet ukoll kif il-Kummissjoni Ewropea tista’ tassigura li proġetti ta’ interess komuni ma jintużawx biex jiżolaw membri oħra tal-UE.

Il-Malta Independent kienet l-ewwel li rrappurtat dwar il-mistoqsijiet li tressqu mill-MEP Laburista.