Se tgħin fil-ġbir tal-ġugarelli?

HSBC Malta qed jistieden lill-pubbliku biex jingħaqad mal-impjegati u l-familji tagħhom f'kampanja ta’ ġbir ta' ġugarelli bil-għan li jinfirex ftit ferħ fost it-tfal li jinsabu f'ċirkostanzi inqas ixxurtjati matul l-istaġun festiv. HSBC Malta qed jingħaqad ma’ 18-il pajjiż ieħor madwar in-netwerk tal-bank għal din l-inizjattiva li ilha ssir fuq bażi regolari sa mill-2007. Is-sena l-oħra nġabru u tqassmu 18,166 ġugarell
Attivitajiet madwar il-pajjiżi parteċipanti tal-HSBC tnedew fl-20 ta’ Novembru biex jiċċelebraw il-Jum Universali tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti. Kull sena, din id-data tippromwovi l-għaqda internazzjonali, u ttejjeb il-benesseri tat-tfal. Kien ukoll propju f'din il-ġurnata fl-1989 meta l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti addottat il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
F'Malta, il-Bank iddeċieda li jagħti l-ġugarelli lill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li tinkorpora fiha Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Sedqa, u LEAP, kif ukoll l-Angel Three Club.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali tikkoordina l-proġett Children’s Dream għal tfal li l-familji tagħhom jiffaċċjaw għadd ta’ diffikultajiet soċjali, filwaqt li l-Angel Three Club jappoġġja tfal u qraba ta’ priġunieri, ex-ħabsin, u vittmi ta' kriminalità.
Il-ġugarelli jistgħu jitħallew fiż-żona tal-klijenti fil-fergħat kollha ta’ HSBC kif ukoll fl-Uffiċċju Ewlieni ta’ HSBC f'Ħal Qormi u l-Uffiċju Ewlieni tal-HSBC fil-belt Valletta matul il-ħinijiet normali tal-ftuħ sat-12 ta’ Diċembru. Għal raġunijiet ta’ saħħa, il-pubbliku hu mitlub li jagħti biss ġugarelli ġodda. Għal raġunijiet ta’ sigurtà dawn m’għandhomx ikunu mgeżwra.