Se tgħaddi minn Aldo Moro?

Jekk se tgħaddi minn Aldo Moro bejn illum u għada jaf issib xi wħud mill-vehicle restraint systems maqlugħin hekk kif mistennija jibdew it-tħejjijiet għall-bidu tat-tieni fażi tal-proġett tal-Marsa Junction.
Ix-xogħlijiet se jibdew għall-ħabta tad-9pm tal-lejla sabiex jitlestew qabel sbieħ għada filgħodu. Ix-xogħol imbagħad jitkompla għada filgħaxija.
Minkejja li t-triq se tibqa’ miftuħa għat-traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet, it-Transport Malta ħeġġet lis-sewwieqa sabiex isegwu d-direzzjonijiet u d-devjazzjonijiet li se jkunu indikanti b’tabelli temporanji fil-post, sabiex tkun żgurata s-saħħa u s-sigurtà kemm tagħhom kif ukoll tal-ħaddiema. 
Il-proġett tal-Marsa junction jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, seba’ strutturi ta’ pontijiet (flyovers), passaġġi għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi, faċilitajiet għaċ-ċiklisti, parkeġġi u żviluppi oħra.
F’din it-tieni fażi tal-proġett, Transport Malta spjegat li se jkunu qed jinbnew diversi korsiji ġodda matul Triq Aldo Moro u toroq oħra viċin. Se jkunu qed jinbnew ukoll is-sistemi tad-distribuzzjoni meħtieġa għas-servizzi tal-elettriku, ilma, drenaġġ, telekomunikazzjoni u ukoll infrastruttura għall-ġbir tal-ilma tax-xita.