Se terġa’ ssir il-kampanja annwali “Make My House a Home” ma’ RTK

Bejn l-Erbgħa u l-Ħamis ta’ din il-ġimgħa, l-Għaqda Studenti Teoloġija u RTK se jkunu qed jorganizzaw il-kampanja annwali “Make My House a Home”, b’riżq tfal li jgħixu fil-faqar.
Il-kampanja qed timmira li, bil-bejgħ tal-affarijiet tal-ikel u meraq frisk tal-larinġ, tiġbor biżżejjed fondi biex tkun tista’ tipprovdi s-servizzi li normalment tagħti permezz tal-Uffiċċju Ejjew Għandi, biex tgħin lill-familji fil-ħtiġijiet tagħhom.
Il-programm t’għajnuna jipprovdi għajnuniet prattiċi fosthom kif jamministraw aħjar il-familja, u anke ħtiġijiet materjali.
Kull xahar, hu stmat li biex jgħin lill-familji fil-bżonn fil-pajjiż, il-programm jeħtieġ bejn €1,500 u €2,000.
Bil-kampanja ġbir ta’ fondi tas-sena li għaddiet inġabru €4,500 – biżżejjed, biex ikopru xahrejn u ftit.
RTK se jkun qed ixandar kollegamenti diretti mill-Università ta’ Malta, fejn se jsiru diversi attivitajiet, waqt li l-pubbliku se jkun jista’ jagħti d-donazzjonijiet tiegħu permezz tat-telefonati minn linja fissa jew b’SMS. Diversi personalitajiet Maltin se jżuru l-kampanja ġbir ta' fondi, fosthom l-Arċisqof Charles Scicluna.
Wieħed jista' jgħin billi jċempel:
5160 2040 – għal donazzjoni ta' €10
5170 2041 – għal donazzjoni ta' €15
5180 2042 – għal donazzjoni ta' €25
jew jibgħat SMS fuq in-numru 5061 8921 għal donazzjoni ta' €7.