Se terġa’ ssir il-festa taċ-ċitru fil-Palazz ta’ San Anton

Nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar, fil-Palazz ta’ San Anton, se ssir l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festa taċ-Ċitru, deskritta mill-President Marie Louise Coleiro Preca bħala festa għall-familji.
Il-President ta’ Malta varat din il-festa bil-qtugħ tal-larinġ mis-siġar tal-palazz flimkien ma’ tfal minn tlett iskejjel.
Fil-jum tal-attività, li hi mingħajr ħlas, il-pubbliku se jkun jista’ jixtri larinġ, lumi u mandolin u ikel magħmul miċ-ċitru bħal kejkijiet u muffins.
Dakinhar se jsiru wkoll żjarat fil-palazz u anke divertiment minn baned fil-Kappella Russa tal-Palazz.
Id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti se jmur għall-Malta Community Chest Fund.
Ritratt: DOI – Martin Attard