Se tagħmel xita fl-ewwel weekend ta’ Settembru?

Arkivji

Settembru huwa x-xahar tal-ewwel xita, l-ewwel maltempata u dak kollu li jfakkarna li s-sajf ikun għadda. Mhux l-ewwel darba li gżiritna kienet milquta minn maltempati qliel f’Settembru, apparti l-fatt li l-kejl tax-xita dejjem jiġi bbażat madwar id-data tal-1 ta’ Settembru.

Dan mhux sempliċiment kumbinazzjoni, iżda hemm bażi xjentifika u raġunata.

Dwar dan tkellem Andrea Muscat, li jamminsitra l-paġna Maltese Islands Weather waqt 103 Breakfast. Muscat spjega li Settembru huwa x-xahar li fih jibda l-istaġun tax-xita riżultat tal-bidliet fil-klima fir-reġjun li jkunu ġejjin mill-fatt li jkun hemm arja kiesħa li tibda tiċċirkola mit-Tramuntana tal-Ewropa għal fuq il-Mediterran. Dan iwassal biex ikun hemm tibdil fil-kundizzjonijiet tat-temp u li jwasslu għal possibiltà ta’ maltempati li jkunu lokalizzati ħafna.

Għaliex ivarja t-tbassir tat-temp?

Maltempati ta’ dan it-tip kienu mbassra għall-bieraħ, madanakollu dan ma seħħx fuq Malta. Mistoqsi ghaliex ikun hemm mumenti fejn ikun hemm varjazzjoni bejn it-tbassir fit-temp u dak li attwalment iseħħ, Muscat spjega li dan huwa perjodu fejn it-temp ikun wieħed volatili ħafna għaliex tonqos l-istablità li nkunu drajna biha fil-perjodu ta’ Awwissu. Huwa qal li l-maltemp li kien imbassar fil-Mediterran seħħ fuq it-Tuneżija u fuq l-Italja, iżda dan ma laħaqx lil Malta. 

Għaliex ix-xita titkejjel mill-1 ta’Settembru?

Andrea Muscat tkellem ukoll dwar ir-raġuni għaliex ix-xita, tradizzjonalment, titkejjel mill-1 ta’ Settembru. Spjega li f’termini ta’ temp, wara l-perjodu relattivament niexef fit-tliet xhur tas-sajf, ix-xahar ta’ Settembru, minħabba li huwa l-bidu li fih jibda jinbidel it-temp, il-perjodu ta’ Settembru hu l-aħjar xahar li fih jiġi kkalkulat b’mod iktar sħiħ il-perjodu li fih tkun tista’ tinġabar l-informazzjoni marbuta mal-inżul tax-xita.

Hemm raġuni xjentifika wara l-irwiegel

Muscat kien mistoqsi wkoll dwar jekk hemmx bażi xjentifika għall-irwiegel, li ħafna għadhom jikkonsidraw bħala bażi li fuqha jbassru t-temp. Huwa qal li ma hemm ebda bażi, biss fisser li hija tradizzjoni, li għadha ħajja fost ħafna.

Fl-aħħar nett Muscat qal li fi tmiem din il-ġimgħa għandna nistennew li jkollna temp xemxi u sħun.