Se ssir serje televiżiva dwar Donald Trump

Ritratt: RTE

F’Novembru li ġej se tibda tinħadem serje dwar il-President Amerikan Donald Trump. L-attur Brendan Gleeson se jaħdem il-parti tal-President fuq skript ibbażat fuq il-ktieb A Higher Loyalty: Truth, Lies And Leadership tal-eks direttur tal-FBI James Comey. L-attur ta’ 64 sena hu l-aktar magħruf meta deher fil-films ta’ Harry Potter jaħdem bħala Alastor ‘Mad-Eye’ Moody u fil-film Bruges. Jeff Daniels se jidher bħala Comey.

Trump f’Mejju ta’ sentejn ilu kien keċċa lid-direttur tal-FBI għax ma kellux fiduċja fih, u skont hu, kien l-agħar direttur tal-FBI li qatt eżista u li l-poplu Amerikan kien tilef il-fiduċja fih. Comey kien kritiku kbir ta’ Trump u kien mexxa l-investigazzjoni dwar is-server bl-emails ta’ Hilary Clinton meta kienet tiġġieled għall-kariga ta’ President fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-2016.

F’intervista li kien ta s-sena l-oħra Comey qal li Trump kien il-ħin kollu jigdeb u ma kienx moralment tajjeb biex ikun president. Trump ma baqax lura milli jirrispondih u għajjar lil Comey ‘ballun ħmieġ’.

Is-sensiela se tkun diretta minn Billy Ray li qal li l-akbar sida għal attur hija li jaħdem il-parti ta’ Donald Trump. Brendan Gleeson, Irlandiż,  kellu rwoli sekondarji wkoll fil-films Braveheart, Cold Mountain u Gangs of New York.