Se ssir it-tieni Ladies Car Demolition mill-ASMK

Mario Micallef

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) ser tkompli bl-attivitajiet bil-Karozzi Autocross u bit-tieni attività tal-Ladies Car Demolition nhar il-Ħadd li ġej. It-tiġrija Autocross ser tkun is-sitt attività mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2019/2020.

L-attività ta’ nhar il-Ħadd sa tibda fl-10:00am u lejn l-aħħar tal-attività Autocross, l-Assoċjazzjoni ser torganizza it-tieni edizzjoni tal-Ladies Demolition Derby 2020 li mistennija tibda għall-ħabta tat-3:00pm.

F’din it-tieni edizzjoni ser jieħdu sehem 7 kompetituri u minkejja li n-numru huwa ftit inqas  minn dak tas-sena l-oħra, xorta waħda ser ikun hemm nisa ġodda li jidħlu għal din l-isfida. Il-Kompetituri se jikkompetu b’karozzi mhux ikbar min 4 metri. L-Assoċjazzjoni qed tagħmel dan bl-iskop li jappellaw għal aktar partiċipazzjoni ta’ nisa fl-isport. Minkejja li l-Assoċjazzjoni kellha diversi attivitajiet iddedikati għan-nisa matul is-snin, dawn l-attivitajiet kienu nqatgħu għal diversi raġunijiet.

Intant, nhar il-Ħadd li għaddha, 9 ta’ Frar l-Assojċazzjoni kompliet l-attività li kienet tħassret f’Jannar. Ir-riżultati mill-Klassi Autocross Modified kienu kif ġej:

Karl Micallef iddomina l-Heats u rnexxielu jġib l-għola punti tant li assigura postu fil-finali Klassi A. F’din il-kategorija miegħu ikkwalifkaw Andrew Pisani, Noel Zammit, Ivan Birmingham, Jean Paul Grech u Kurt Aquilina.

L-ewwel finali ta’ dan l-istaġun intrebħet minn Noel Zammit, segwit minn Kurt Aquilina u Ivan Birmingham rispettivament. Fir-raba’ u l-ħames post daħlu Karl Micallef u Jean Paul Grech. Anderew Pisani spiċċa fis-sitt post minħabba li kien l-ewwel persuna mill-bqija tal-kompetituri li rtira waqt it-tiġrija l-finali.

Justin Buttigieg rebaħ il-Finali Autocross Modified Klassi B, segwit minn Paul Formosa.