Se ssir it-tellieqa tal-F1 f’Melbourne?

Il-Formula 1 qalu li qed iżommu għajnejhom fuq in-nar li ħakem l-Awstralja ftit xhur qabel il-bidu tal-istaġun ta’ din is-sena f’Melbourne. Din is-sena t-tlielaq mistennija jsiru bejn it-13 u l-15 ta’ Marzu.

Il-kwalità tal-arja f’Sydney u Melbourne telgħat sal-punt li mhux adekwat għas-saħħa tal-bniedem. F1 qalu li qegħdin f’kuntatt mal-organizzaturi tat-tellieqa rigward din il-problema.

Il-kommunità tal-F1, kif ukol it-timijiet, u l-Australian Grand Prix Corporation qed jippjanaw biex jagħtu s-sapport tagħhom lill-vittmi tan-nar. Iżda d-dettalji għadhom m’humiex ċari ta’ kif se jkun qed isir dan.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-istilla tat-tennis Awstraljana Ashleigh Barty qalet li se tkun qed tagħti l-ammont kollu ta’ flus li tirbaħ mill-Brisbane International għall-fond iddedikat biex jiġġieled kontra n-nirien li qed jaħkmu lill-Awstralja.