“Se ssir ġustizzja fuq l-assassinju ta’ Daphne” – Bartolo lill-UN

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li l-ġustizzja dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia trid u se ssir.

Dan qalu hu u jindirizza t-43 Sessjoni Regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, li beda fl-24 ta’ Frar u jispiċċa fl-20 ta’ Marzu 2020, fl-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti, f’Ġinevra, l-Iżvizzera.

Bartolo fisser id-dispjaċir sinċier tiegħu dwar l-assassinju. Huwa sikwit leħħen ħsibijietu fuq dan il-każ, u fuq l-investigazzjoni tiegħu, partikolarment f’Novembru u f’Diċembru tal-2019, meta ġie arrestat Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, maħsub li hu l-moħħ wara l-assassinju. Bartolo ma ddejjaqx jikkritika lill-Gvern li hu jagħmel parti minnu.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru tkellem ukoll fuq il-prijorità mogħtija lill-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet, u rrefera wkoll għat-tnedija tal-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà ta’ Malta.

Il-Ministru Bartolo kellu wkoll numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ Ehab Fawzi, Assistent Ministru għall-Affarijiet Barranin, Multilaterali u s-Sigurtà Internazzjonali tal-Eġittu, Luca Beccari, Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ San Marino, Riyad Al Maliki, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat tal-Palestina, u s-Sur Michael Spindelegger, Direttur Ġenerali tal-ICMPD.

MFEA