“Se nuri fil-Qorti li gidbu fuqi u fuq familti” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li beħsiebu juri fil-Qorti u fil-pubbliku li gidbu fuqu u fuq familtu, għax fetaħ libell fuq artiklu dwaru fil-midja biex jiddefendi l-verità.

Waqt kollegament telefoniku fuq Net FM, Delia qal li huma alleati tal-Prim Ministru u tal-Gvern Laburista li qed joħorġu allegazzjonijiet personali fuqu biex jagħmlu ħsara lilu, lill-partit u lill-pajjiż propju meta hu beda jżid fil-popolarità tiegħu mas-segwaċi tal-Partit Nazzjonalista. Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li m’hemmx bżonn kumment min-naħa tiegħu, iżda qed iwaħħal f’Joseph Muscat issa li qed jattakkawh ta’ madwaru.

Huwa semma l-artiklu ta’ Lovin Malta li fetaħ libell dwaru, li skontu, għamel allegazzjonijiet malafamanti u malizzjużi dwaru. 

“Negozji żgħar m’għandhomx ċans ma’ dal-Gvern”

Adrian Delia qal li l-Gvern jara biss li jitfa’ l-flus f’but dawk li huma viċin tiegħu, u ma jagħtix ċans lil negozji żgħar. Huwa semma aktar minn 280 direct order li ngħataw fl-ewwel 6 xhur lil nies li skontu għandhom konnessjoni mal-Partit Laburista. Ġab eżempju b’Kurt Farrugia li hu nkarigat mid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li ħa €25,000 f’servizzi ta’ marketing u anke għax il-Ministru Owen Bonnici qabbdu jiffilmja 3 kunċerti tal-orkestra Maltija.

“Jew Konrad Mizzi ma jafx jinnegozja, jew hu ħalliel”

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-art tal-Corinthia li għandha tittieħed deċiżjoni dwarha fil-Parlament fil-jiem li ġejjin, peress li l-Parlament se jerġa’ jibda jiltaqa’ għada.

Huwa insista li permezz tan-negozjati tal-Ministru Mizzi, kumpanija privata se tieħu l-art għal prezz irħis wisq għall-valur propju tagħha.