Se nqatta’ l-Għid waħdi ma’ marti, nitlobkom tagħmlu bħali” – Il-President

Miguela Xuereb

Read in English.

“Se nkun qed inqatta’ l-festi tal-Għid waħdi ma’ marti. Imdorri nkun imdawwar bit-tfal u l-familja kollha f’din il-festa sabiħa iżda din id-darba se nkunu jien u Miriam biss. Nitlobkom tagħmlu bħali.”

Dan kien l-appell imqanqal tal-President ta’ Malta Dr George Vella. Huwa kien qed jieħu sehem fil-programm Newsbook Hour fuq 103.

It-Tabib Vella spjega kif filwaqt li dawn il-ġranet huma ferm għal qalb il-poplu Malti, u li hija tradizzjoni sabiħa li ningħaqdu madwar mejda waħda biex niċċelebraw, din id-darba rridu nagħmlu sagrifiċċju u ma ninġabrux flimkien. Qal li dan l-isforz fl-aħħar mill-aħħar qed nagħmluh mhux biss għas-soċjetà ġenerali iżda fuq kollox għall-aktar persuni għeżież tagħna – il-ġenituri tagħna, uliedna.

Il-President tkellem ukoll dwar l-aħbarijiet tal-aħħar sigħat fejn l-ewwel żewġ persuni tilfu ħajjithom wara li mardu b’dan il-virus. Filwaqt li esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tagħhom, huwa appella biex dan kollu jfakkarna propju f’kemm hu importanti li nirrispettaw id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Huwa fakkar li dawn il-każijiet mhux se jkunu tal-aħħar u jemmen li l-ħmistax li jmiss se jkunu kruċjali. Dr Vella qal li huwa jemmen li l-awtoritajiet qed ikunu mill-aktar trasparenti mal-poplu Malti u hu għalhekk li għandna nirrispettaw dak li qed jgħidulna biex nagħmlu l-parti tagħna ħalli nwaqqfu din l-imxija.

Huwa appella biex f’dawn il-ġranet diffiċli nieħdu iżjed ħsieb lil xulxin u niftakru u nagħmlu kuntatt ma’ min jista’ jkollu bżonn u biex insibu mezzi alternattivi, anke fid-dar stess biex inżommu ruħna attivi u f’saħħitna.

Il-President ftakar ukoll f’dawk il-pajjiżi kollha fejn għad hemm kunflitti għaddejjin fosthom is-Sirja, il-Libja u l-Jemen. Huwa laqa’ b’mod pożittiv li fil-każ ta’ dan tal-aħħar, jidher li l-Jemen u l-Għarabja Sawdija laħqu ftehim għal waqfien. Madankollu, George Vella qal li jinsab ferm diżappuntat li fil-każ tal-Libja mhux biss in-naħat differenti ma jridux jieqfu mill-ġlied, iżda saħansitra aktar pajjiżi issa qed jidħlu b’appoġġ ta’ naħa jew oħra. “Kulħadd jara l-interess tiegħu, iżda l-interess tal-Libjani ma jarah ħadd” sostna Dr Vella.

Żied jgħid li huwa jinsab dispjaċut kemm għax il-Libja huwa pajjiż ġar tagħna u li dejjem eżista rispett bejn iż-żewġ popli iżda wkoll għax dan il-kunflitt jista’ jwassal biex aktar persuni jfittxu li jaħarbu mill-pajjiż u jkompli jżid l-isfidi ta’ immigrazzjoni fuq pajjiżna.

Il-President esprima l-apprezzament tiegħu lill-istazzjon 103 għall-possibiltà li jwassal il-messaġġ u jżomm kuntatt mal-poplu Malti kollu permezz tar-radju.