“Se noħroġ għall-elezzjoni biex nirbaħ”

L-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi ikkonferma li se jkun qed jikkontesta mill-ġdid fl-elezzjoni ġenerali.
F’intervista mal-Corriere della Sera, il-mexxej tal-partit Forza Italia, li llum jgħodd it-80 sena, qal li se joħroġ biex jirbaħ u qal li kontra Beppe Grillo se tkun rebħa faċli.
Berlusconi qal li jrid li l-partit tiegħu jirbaħ waħdu l-maġġoranza tal-voti u qal li se jkun qed jikkunsidra ftehim ma’ forzi politiċi oħra.
Saħaq li l-elezzjoni għandha ssir malajr kemm jista’ jkun.
Fakkar li l-Gvern ta’ Matteo Renzi qatt ma kellu l-appoġġ tal-poplu u r-referendum konsituzzjonali, li miegħu Renzi kien rabat il-futur politiku, kien messaġġ qawwi mill-poplu Taljan.
“Wasal iż-żmien li t-Taljani jagħżlu huma min imexxihom,” saħaq Berlusconi waqt li ħeġġeġ biex ikun hemm liġi elettorali aktar “ordnata u razzjonali.”
Iddeskriva l-Gvern ta’ Paolo Gentilono bħala “gvern ta’ tranżizzjoni,” iżda qal li sakemm issir elezzjoni l-pajjiż irid ikun iggvernat,
“Il-problemi, bħall-faqar” huma gravi u ma jissolvux b’liġi elettorali,” kompla Berlusconi.
Għalhekk qal li bħala oppożizzjoni lest jivvota mal-Gvern għal soluzzjonijiet li minnhom jistgħu jgawdu t-Taljani.