“Se nkunu qed ngħixu u naħdmu f’realtà ġdida” – professjonisti lil Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ltaqa’ mal-Malta Federation of Professional Associations (MFPA) fejn matul din il-laqgħa saret diskussjoni dwar il-mod kif l-imxija tal-COVID-19 f’Malta qed tolqot lil din il-federazzjoni u l-professjonisti li huma membri tagħna. 50% tal-membri tagħha huma professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

Ir-rappreżentanti tal-Federazzjoni qalu lil Dr Delia li wara li tgħaddi l-imxija tal-Covid-19 qed iħarsu lejn realtà ġdida. Spjegaw kif minn servejs li saru rriżulta li professjonisti self employed irreġistraw tnaqqis fid-dħul tagħhom u li hemm professjonisti li wara li tgħaddi l-pandemija jikkunsidraw li jibqgħu jaħdmu mid-dar.

Adrian Delia tkellem dwar it-teleworking u x’kunsiderazzjonijiet qed jittieħdu dwar il-mod li jsir ix-xogħol, mhux biss bħalissa waqt il-pandemija, iżda wkoll wara li tgħaddi l-imxija tal-COVID-19.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-PN sema’ l-ħsibijiet tal-professjonisti li ddeskrivew id-diffikultajiet li qegħdin jaffaċjaw bħalissa f’dan iż-żmien inkluż id-diffikultajiet finanzjarji. Adrian Delia sema’ wkoll il-mod kif il-professjonisti qegħdin jippjanaw li jaffċċjaw dik li tista’ tkun realtà ġdida fix-xogħol tal-professjonisti. L-MFPA tirrapreżenta 17-il organizzazzjoni b’madwar 10,000 professjonist, u din is-sena qed tfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni waqt din il-laqgħa, kien hemm il-Viċi Kap tal-PN David Agius kif ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn