“Se nkun qed niżżewweġ lill-ikbar ħabib tiegħi” – Sarah

Awguri lill-preżentatur Fabian Demicoli li proprju llum se jkun qed jingħaqad fiż-żwieġ mal-maħbuba tiegħu Sarah Cachia.

Fabian u Sarah ilhom flimkien għal dawn l-aħħar 4 snin. Hu pproponilha waqt kunċert ta’ Andre Rieu f’Perth fl-Awstralja.

Il-jum tat-tieġ tagħhom ilhom jippjanaw għalih u minħabba fil-pandemija tal-Covid-19 diġà kienu ħasbu biex jipposponu t-tieġ għas-sena d-dieħla. Iżda meta s-sitwazzjoni kienet bdiet tikkalma ddeċidew li jmorru għad-data oriġinali u għalhekk illejla se jkunu qed jiżżewġu fil-Forti Sant’Iermu. Għalkemm it-tieġ se jsir ħassru l-qamar-il għasel u flok l-Amerika se jkunu qed iqattgħu xi ġranet f’Għawdex.

“Għalkemm dan mhuwiex se jkun it-tieġ kbir li dejjem kont noħlom li jkolli, se nkun qed niżżewweġ lill-ikbar ħabib tiegħi, ir-raġel li jġiegħlni nħossni kompluta, dak li dejjem jirnexxielu jdaħħakni anki meta ma jkollhiex aptit. Dan hu dak li jimporta,” kitbet it-tfajla proprju lbieraħ f’lejliet dan il-jum importanti.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Fabian u lil Sarah f’dan il-jum tant speċjali għalihom.