Se nkun qed nikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss – Delia

Adrian Delia Xarabank

Read in English.

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss u li se jkun qed jagħmel dan f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Hu qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat minn Peppi Azzopardi waqt il-programm Xarabank li issa qed jixxandar LIVE fuq il-paġna ta’ Facebook.

Minkejja li qal li ma jispekulax dwar x’jista’ jkun l-andament ta’ ebda elezzjoni, Delia qal li ma stenniex it-telfa. Sostna li fiż-żjarat tiegħu fid-djar qabel l-elezzjoni, il-messaġġ li kien qed jisma’ kien qieħed differenti. Spjega iżda li hu żar grupp limitat mit-tesserati, li b’kollox jaqbżu l-20,000 persuna u b’hekk seta’ ltaqa’ ma’ dawk il-persuni li jiffavorixxu lilu.

Dwar ir-raġuni għaliex tielef, Delia qal li dan seħħ għax kien hemm min irnexxielu jipperswadi lit-tesserati li ma kienx hemm ċans li tintrebaħ l-elezzjoni b’Delia bħala kap. Insista li t-tesserati jinteressahom li jirbħu l-elezzjoni, mhux min qed imexxi. Irrimarka li jinsab inkwetat dwar x’jiġri jekk jgħaddu xahar jew xahrejn u l-polls li jikkumparaw lil Bernard Grech mal-Prim Ministru Robert Abela juru li Grech m’għandux pożizzjoni f’saħħitha. “Allura x’nagħmlu? Nerġgħu nibdlu l-Kap?” staqsa Delia. Irrimarka li l-Partit Nazzjonalist qatt ma kellu kap tal-partit li ma tħalliex jikkontesta elezzjoni waħda.

“Wara l-elezzjoni rqadt 18-il siegħa”

Delia rrimarka li wara li ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni hu raqad 18-il siegħa. Spjega li kienet raqda bżonnjuża wara tliet snin li għamel bħala kap kienu jippermettulu li jorqod biss sitt siegħat kull lejl.

Qal li fil-ħin li ħareġ ir-riżultat kien qiegħed id-dar ta’ ħabib tiegħu fejn kien hemm għaxar persuni b’kollox. “Ma bkejtx għax ma tlajtx – imma weġġajt jien u weġġgħu ta’ madwari,” qal Delia. Jiena kont qed nagħti servizz, mela la t-tesserati riduni hemm għal tliet snin u tajt is-servizz tiegħu għas-servizz.

X’ġara wara li tneħħa Delia?
Riżenji fil-PN minn ftit qrib ħafna ta’ Delia

“Inwiegħed il-lealtà lil Bernard Grech”

Delia wiegħed il-lealtà u l-appoġġ tiegħu lejn Grech. Qal li jemmen li f’eżerċizzju ta’ demokrazija hu jrid jirrispetta d-deċiżjoni li tkun ittieħdet. “Se nkun leali lejn il-pajjiż għax jien Malti u kburi, u leali lejn il-parit għax jien nazzjonalist u kburi,” insista Delia.

Fl-intervista ma’ Peppi Azzopardi, Delia qal li malli sar jaf ir-riżultat ipprova jitkellem ma’ Grech permezz ta’ telefonata imma ma rnexxilux. Hu bagħtlu messaġġ u wiegħdu s-sapport u l-lealtà. Qal li meta ltaqa’ ma’ Grech wara, għamlu siegħa flimkien u ma jħossx li hu korrett u ġust li jidħol fid-dettall dwar x’intqal imma kienet laqgħa pożittiva. Qal li ma kienx hemm konklużjoni fattwali ta’ xi rwol se jżomm Delia fil-Partit u fil-Parlament.

Insista li jekk jara persuni li jippruvaw jagħmlu l-bsaten fir-roti lil Bernard Grech, se jkun hu li jaħdem biex iwaqqafhom. Insista li hu leali lejn il-partit u lejn il-kap tiegħu.

Jgħid tiegħu dwar Jason Azzopardi

Delia qal li l-Membru Parlamentari Jason Azzopardi huwa persuna li jigdeb. Sostna li ħafna dwarbi qal li se jagħmel libelli lin-nies u ma jagħmilhomx. Insista li Jason Azzopardi mhux il-Partit Nazzjonalista. “Irridu ngħidu li meta kellu t-theddid Azzopardi jien kont l-ewwel wieħed li ċempiltlu u għidtlu li se nissapportjah,” insista Delia.

Delia sostna li mill-allegazzjonijiet li qed joħorġu fuqu mhu se jirriżulta xejn. Insista li meta Azzopardi tkellmi dwar dawn l-allegazzjonijiet fil-Parlament, Delia qal li jekk joħroġ li huma veri hu kien se jirreżenja. Qal iżda li jistenna li jekk joħroġ li dan kien kollu gideb, mela Jason Azzopardi għandi jerfa’ r-responsabbiltà.