“Se nkun messaġġier tal-paċi”

Jumejn qabel l-ewwel vjaġġ apostoliku tal-Papa Franġisku fil-kontinent Afrikan, il-Papa qal li se jżur it-tliet pajjiżi bħala l-messaġġier tal-paċi.
Fost l-iskopijiet taż-żjara tiegħu, spjega l-Papa, hemm id-djalogu inter-reliġjuż biex jinkoraġixxi konvivenza ta’ paċi fil-pajjiżi.
“Naf li hu possibbli”, saħaq il-Papa, “għax aħna lkoll aħwa”.
Bejn għada u tmiem il-ġimgħa, il-Papa se jżur il-Kenja, l-Uganda u r-Repubblika Ċentrali tal-Afrika.
F’dawn il-jiem, il-Papa se jkun qed jiftaħ, għall-kontinent Afrikan, il-Ġublew tal-Ħniena, qabel dan jiftaħ uffiċjalment fit-8 ta’ Diċembru mill-Belt tal-Vatikan.
Il-Papa ddeskriva din l-okkażjoni bħala waħda li se tagħti l-opportunità għall-maħfra u l-għoti u t-tiġdid tal-imħabba.
Il-Papa stqarr li anke għalih, personalment, din se tkun l-ewwel żjara fl-Afrika.
Bejn it-tliet pajjiżi li se jżur il-Papa, jgħixu 84 miljun ruħ, li inqas minn nofshom – madwar 32 miljun ruħ – huma Kattoliċi.