“Se nkun il-Qorti nistenna x’se jiġri minn Jason Azzopardi”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li nhar l-Erbgħa li ġej se jkun qed jistenna fil-Qorti biex jara x’se jiġri fil-każ ta’ Jason Azzopardi għax fi kliemu, il-każ kontra Azzopardi huwa każ kontrih u kull min għandu għal qalbu d-Demokrazija.
Din il-ġimgħa, Simon Busuttil żvela li l-Gvern se jkun qed iressaq lil Jason Azzopardi l-Qorti akkużat li mmalafama lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit,  meta f’Ġunju li għadda, ikkundanna lil Gvern talli żamm lil Zammit minkejja li kien nstab ħati li għadda informazzjoni personali u sensittiva lill-ġurnal lokali.
Waqt diskors imqanqal fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’ Ħal Tarxien, Simon Busuttil saħaq li l-Gvern fetaħ il-kawża mhux kontra Jason Azzopardi, iżda kontra Kelliem tal-Oppożizzjoni.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-iskandlu tal-Panama u qal li la Muscat għadu ma “kinisx” lil Konrad u lil Keith Schembri, dan ifisser li jew tilef il-kontroll u ma għadux kapaċi jmexxi, jew inkella huwa kompliċi magħhom ukoll.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern jinsab maqbud fi krizi ta’ korruzzjoni u dan qed iwassal għal tensjoni u inċertezza kbira fil-pajjiż
“Għandna Gvern paralizzat li flok moħħu kif se jiggverna, qiegħed dejjem jipprova jiddefendi lilu nnifsu mill-iskandli wieħed wara l-ieħor,” qal Busuttil.
 Kompla jgħid li fid-disprament li jinsab fih, il-Gvern qed jinfexx f’attakki u qed ikun theddida għad-Demokrazija.
“Mod tikkritika lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista,” qal Busuttil “u mod tivvinta l-gideb.”
L-ewwel gidba qal Busuttil kienet li hu għandu trust bħal Mizzi. Meta raw li din ma ħadmitx, dahru fuq Ann Fenech u aktar tard fuq il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista kompla l-Kap tal-PN.
“Din hija tattika faxxista,” qal Busuttil.
Simon Busuttil qal li ħadd mhu se jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni, lanqas is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri fil-dawl tal-liġi dwar il-billboards politiċi.
Busuttil beda d-diskors tiegħu billi sellem u rringrazja lill-Professur Albert Fenech li lbieraħ irriżenja mill-Parlament biex ikun jista ‘ jkompli bil-professjoni tiegħu barra minn Malta, wara li fl kliem Busuttil, il-Gvern ma kienx kapaċi jħallih jopera fl-Isptar Mater Dei.

Reazzjoni Partit Laburista
F’reazzjoni l-Partit Laburista qal li “L-unika kwartieri li għandhom l-inċertezzi fil-pajjiż huma tal-Partit imdejjen ta’ Simon Busuttil li qed jitlef il-biċċiet ma’ kull jum li jgħaddi.”
Qal li l-pajjiż hu b’saħħtu ekonomikament u li n-nies qed jaħdmu u jaqilgħu iktar minn qatt qabel u n-negozju qed jifjorixxi.