“Se nkomplu nappoġġjaw lill-Gvern fil-qasam tal-persuni b’diżabilità” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-politika dwar il-persuni b’diżabilità għandha tkun ibbażata fuq l-inklużjoni biex dawn jiġu integrati f’kull aspett tas-soċjetà.
Waqt iż-żjara tiegħu lill-Fondazzjoni Inspire fl-okkażjoni tal-ġimgħa ddedikata għad-down syndrome,  Dr Busuttil wiegħed li mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Gvern f’dan il-qasam.
Żied jgħid li dan jinkludi biex tiġi fis-seħħ il-wegħda elettorali ewlenija tal-Partit Laburista li l-persuni b’diżabbiltà jingħataw post residenzjali fil-komunità jekk jiġu nieqsa l-ġenituri tagħhom.
Simon Busuttil ġie milqugħ mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire Nathan Farrugia. Faħħar il-ħidma li qed issir mill-Fondazzjoni Inspire filwaqt li sostna li għaqdiet non-governattivi huma importanti sabiex il-pajjiż  ikun jista’ jkompli jagħti s-servizzi kollha meħtieġa lill-persuni b’diżabbiltà.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Kelliem għax-Xogħol u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Stephen Spiteri, il-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli, u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Cutajar u Helga Ellul.