“Se nkompli għaddej b’determinazzjoni minkejja l-allegazzjonijiet” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li “l-allegazzjonijiet foloz” li qed jiċċirkolaw dwar is-separazzjoni mill-mara tiegħu se jkomplu jsaħħuh biex b’determinazzjoni ikompli għaddej bil-ħidma politika tiegħu għall-pajjiżu u għal uliedu.

Dr Delia stqarr dan dalgħodu waqt intervent telefoniku fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista Net FM  wara talbiet li saru għar-riżenja tiegħu mill-ġurnal The Sunday Times u mill-grupp Occupy Justice.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li din kienet materja personali li ħafna jgħaddu minnha, uħud qed japprofittaw ruħhom politikament. Qal li hu se jipprova jsib min hemm wara dawn l-attentati kontrieh u  se jieħu l-passi meħtieġa.

Gvern ikompli jippromwovi a Soulless State

Delia qal li l-istorja li qed tidher f’Il-Mument, tkompli tikkonvinċih li l-Gvern lest li jillegalizza l-abort. Huwa qal li l-Gvern Laburista qed ikompli jippromwovi linja liberali u progressiva li qed tarmi u tikkalpesta dak kollu li jagħmilna Maltin, jiġifieri l-għożża għall-familja u għal ħajja. Huwa qal li anki jekk l-Partit Nazzjonalista jiġi mlaqqam bħal antikwat, għalih l-abort huwa assolutament inaċċettabbli u se jibqa’ jiġġieled kull tentattiv min-naħa tal-Gvern li jintroduċċih f’pajjiżna. Il-Kap tal-PN akkuża lill-Gvern li qed jipprova joħloq a soulless state.

L-art se tingħata lill-Grupp Corinthia b’bejgħ u mhux ċens

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li 30 t’elf metru kwadru  li ingħatat lill-Grupp Corinthia ngħatat għall-bejgħ u mhux b’ċens u allura l-Partit qatt ma jista’ jaqbel li din l-art pubbika tingħata għal bejgħ biex jiġu żviluppi appartment jekk il-Gvern ma jiġborx il-prezz reali tal-art. Delia qal li l-prezz li qed jitlob il-Gvern mhux l-aħjar prezz li jista’ jġib għall-art.

Delia waqt l-ikla tal-Milied tal-Caritas

Hu faħħar l-inizjattiva li ħadet il-Caritas f’Jum il-Milied biex torganizza ikla għal persuni vulnerabbli u qal li filwaqt li mar biex jagħti daqqa t’id spiċċa biex irċievha iktar milli ta.