“Se nistenbħu u nindunaw li d-dinja nbidlet u bqajna l-art” – L-Isqof ta’ Għawdex

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li għad jasal żmien li l-Knisja tistenbaħ u tqum minn ċerta “raqda” u tinduna li d-dinja nbidlet iżda hi baqgħet l-art.

Dan qalu fl-Omelija fil-ftuħ tal-Kwindiċina tal-Assunta fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat Għawdex. Il-Kwindiċina hija tradizzjoni ta’ 15-il jum ta’ preparazzjoni spiritwali għall-Festa ta’ Santa Marija.

L-Isqof Grech qal li filwaqt li l-poplu jiċċelebra l-qawmien ta’ Marija mir-“raqda”, hemm bżonn talb sabiex “il-Knisja tagħna tqum minn ċerta raqda. Spjega li minkejja l-għajnejn huma miftuħa, m’hemmx kuxjenza dwar it-taqlib u t-tibdil li hemm għaddej, tant li l-Knisja u d-dixxipli tagħha qed jibqgħu jġibu ruħhom bħal dejjem, daqslikieku ma qed jiġri u jinbidel xejn madwarha. Hu kien qed jgħid dan id-diskors waqt Konċelebrazzjoni li mexxa fil-31 ta’ Lulju.

Mons. Grech ħeġġeġ għad-devozzjoni vera lejn Ommna Marija u sostna li “min jieħu lil Marija għandu, iqum għall-ħajja tal-fidi”. Spjega li meta jgħid li jixtieq li l-bnedmin iqajmu fihom id-devozzjoni Marjana, qed jagħmel stedina biex jiftaħ għajnejh ħalli jagħrfu x’inhi s-sejħa għall-Knisja llum. Qal li Marija hija mudell għall-Knisja.

L-Assunzjoni ta’ Marija hija t-titular tal-Katidral fejn l-Isqof ta’ Għawdex għandu s-sede tiegħu, kif ukoll tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu li l-kwadru tiegħu, li qed jagħlaq 400 sena, juri t-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija. Mons. Grech spjega li kien dan l-anniversarju storiku li nebbħu biex iniedi s-Sena Marjana li se tagħlaq fl-14 ta’ Awwissu, lejlet is-Solennità tal-Assunta, b’Velja fuq iz-Zuntier tas-Santwarju.