“Se nissospendu l-filming tal-produzzjonijiet tagħna” – Michael u Evelyn

Rewind Productions mil-lum bdew jinfurmaw lill-atturi u l-crew tagħhom li b’effett immedjat se jkunu qed iwaqqfu l-filming fuq it-tlett produzzjonijiet tagħhom Sorelle, F’Ġieħ L-Imħabba u Ħbieb u Għedewwa.

Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa ikkonfermaw ma’ newsbook.com.mt li f’dan l-istadju huma jinsabu bosta puntati bil-quddiem li jwasslu għal ftit ġimgħat oħra kemm ta’ F’Ġieħ l-Imħabba u Sorelle, it-tnejn li huma li jixxandru fuq TVM.

Dwar Ħbieb u Għedewwa, li kien se jibda dan ix-xahar fuq Melita Cable, hemm ftit aktar minn 70 puntata li ġew iffilmjati s’issa u ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni meta se jibdew jixxandru.

“Minħabba s-sitwazzjoni attwali fid-dinja ta’ madwarna u b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni sfortunata lokali u preżenti rigward COVID19, waqt li nżommu f’moħħna wkoll il-parir maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tagħna, aħna nħossu li jkun fl-interess ta’ kulħadd li nissospendu l-iffilmjar tal-produzzjonijiet tagħna,” ikkummentaw huma.

Id-diretturi ta’ Rewind Productions flimkien mal-crew u atturi li jaħdmu fuq il-produzzjonijiet tagħhom

“Dan se jkun il-ftit kontribut tagħna mhux biss għas-sigurtà u l-benesseri tagħna stess, iżda wkoll se jgħin biex timminimizza t-tixrid u l-kuntatt skont l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk kollettivament ilkoll nagħmlu passi żgħar, it-triq li tidher twila għal kulħadd tista’ tkun waħda aktar faċli,” żiedu jgħidu.

Huma qalu li l-ħsibijiet tagħhom issa huwa mal-cast u l-crew kollu, kif ukoll lejn dawk li ta’ kuljum qed ikunu minn ta’ quddiem biex jgħinu lill-morda. Huwa għalhekk li b’din il-miżura Rewind Productions ħass li billi jwaqqaf il-ġbid tal-produzzjonijiet tiegħu ikun qed inaqqas il-possibbilità ta’ tixrid ta’ dan il-virus.

Il-kumpanija tinsab determinata li tkompli bil-filming tal-puntati tat-tlett sensiliet malli s-sitwazzjoni fil-pajjiż, u madwar id-dinja, tkun waħda kalma u aktar sigura.